Ir-Reġjun Nofsinhar nieda inizjattiva ġdida favur il-prevenzjoni tal-iskart u l-edukazzjoni ambjentali, permezz tal-introduzzjoni ta’ Riċiklin, karattru maħluq apposta sabiex iwassal il-messaġġ tas-sostenibbiltà lit-tfal u lill-familji b’mod kreattiv u edukattiv.
Din l-inizjattiva tnediet uffiċjalment mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, waqt attività li saret f’Santa Luċija, li matulha tnediet ukoll il-Kampanja Edukattiva dwar il-Prevenzjoni tal-Iskart.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet li l-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ ir-rwol tal-kunsilli lokali u r-reġjuni bħala protagonisti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet, filwaqt li jippromwovi inizjattivi konkreti favur ambjent aktar nadif u sostenibbli.
“Irridu nibqgħu ninvestu fl-edukazzjoni u fl-għarfien ambjentali, għaliex il-ħarsien tal-ambjent huwa responsabbiltà li naqsmu lkoll u l-bidla tibda mill-għażliet li nagħmlu kuljum,” qalet il-Ministru. Hija żiedet li inizjattivi bħal dawn juru kif, permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-gvern, ir-reġjuni, il-kunsilli lokali u l-komunitajiet, jistgħu jinħolqu opportunitajiet konkreti biex inrawmu ġenerazzjonijiet aktar konxji u responsabbli lejn l-ambjent.
Il-President tar-Reġjun Nofsinhar, Jesmond Aquilina, enfasizza l-impenn tar-reġjun li jkompli jinvesti f’inizjattivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet u jsaħħu l-għarfien dwar is-sostenibbiltà. Huwa sostna li permezz ta’ proġetti edukattivi u attivitajiet li jinvolvu direttament lit-tfal u lill-familji, ir-reġjun qed ikompli jaħdem biex jibni kultura ta’ responsabbiltà ambjentali li tagħti frott fit-tul.
Riċiklin twieled minn idea interna tar-Reġjun Nofsinhar, fejn l-impjegati kkontribwew bl-ideat tagħhom, li sussegwentement ġew żviluppati. Il-karattru huwa bbażat fuq l-istorja ta’ tifel jismu Ricky, li kien jemmen li anke f’oġġetti li jintremew jista’ jkun hemm possibbiltà li jingħataw ħajja ġdida. Permezz tal-istorja tiegħu, Riċiklin iwassal il-messaġġ li l-iskart jista’ jitnaqqas jekk kulħadd jieħu responsabbiltà, jissepara l-materjali kif suppost u jagħraf il-potenzjal tal-użu mill-ġdid.
Biex din l-istorja u messaġġi oħra relatati mas-sostenibbiltà jaslu għand aktar tfal u familji, ġie maħluq ukoll kalendarju għas-sena 2027 li se jitqassam fil-ġimgħat li ġejjin. Kull xahar se jkun marbut ma’ lokalità differenti fir-Reġjun u se jinkludi stejjer u temi ambjentali. Barra minn hekk, inħolqot paġna ddedikata fuq il-midja soċjali fejn se jiġu ppubblikati l-avventuri ta’ Riċiklin u kontenut edukattiv ieħor.
Waqt l-istess attività tnediet ukoll it-tieni edizzjoni tas-Southern Regional Football Tournament, li se tlaqqa’ madwar 600 plejer żagħżugħ minn diversi football nurseries madwar ir-Reġjun Nofsinhar. Din l-inizjattiva tmur lil hinn mill-kompetizzjoni sportiva, hekk kif għandha wkoll dimensjoni edukattiva u ambjentali. L-għan huwa li l-messaġġ tas-sostenibbiltà jasal ukoll għand l-isportivi żgħar u l-familji tagħhom, u mhux biss għand it-tfal fl-iskejjel.
Permezz ta’ dawn iż-żewġ inizjattivi, ir-Reġjun Nofsinhar qed jgħaqqad flimkien l-edukazzjoni, l-ambjent, l-isport u s-solidarjetà, filwaqt li jkompli jsaħħaħ ir-rabta bejn il-Kunsilli Lokali u l-komunitajiet li jirrappreżentaw.